Wiki Loves Monuments 2019 in Malta exhibition launch - Maltese

From Wikimedia Community Malta
Jump to: navigation, search

Ir-rebbieħa ta’ l-ikbar konkors fotografiku fid-dinja eżibiti ġewwa l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija

11 ta’ Novembru 2019

Ir-rebbieħa tar-raba’ edizzjoni ta’ Wiki Loves Monuments in Malta tħabbru waqt ċerimonja ġewwa l-Mużew Nazzjonali tal-Arkejoloġija nhar il-Ħamis. Wiki Loves Monuments, l-ikbar konkors fotografiku fid-dinja skond il-Guinness World Records, ġie organizzat f’Malta għar-raba’ darba din is-sena. Dan il-konkors ilaqqa’ flimkien dilettanti tal-fotografija minn madwar id-dinja sabiex jieħdu ritratti mill-isbaħ tal-wirt kulturali dinji biex jitqiegħdu fuq il-Wikipedija.

Din il-kompetizzjoni stiednet lil pubbliku tiddokumenta l-wirt tanġibbli ta’ Malta matul ix-xahar ta’ Settembru. L-għaxar ritratti rebbieħa ġew sottemessi lil-kompetizzjoni internazzjonali fejn se jkunu qed jikkompetu mar-rebbieħa tal-49 pajjiż oħra li qed jieħdu sehem.

L-ewwel post fil-kompetizzjoni Maltija intrebaħ minn ritratt panoramiku tal-Belt Valletta meħud minn Olga Prystai. Ritratti oħra fost l-għaxar rebbieħa jinkludu ritratt tar-Rotunda tal-Mosta, il-Kappella ta’ Santa Katerina fil-Belt Valletta, kif ukoll ritratt tal-kurutur ġewwa l-Palazz tal-Granmastru, fost oħrajn. Ir-ritratti rebbieħa ġew magħżula minn esperti internazzjonali fl-oqsma tal-wirt kulturali, il-fotografija, u l-Wikipedija.

Dawn ir-ritratti, flimkien ma ritratti oħra mill-kompetizzjoni Maltija, kif ukoll minn kompetizzjonijiet madwar id-dinje se jkunu qed jiġu eżibiti ġewwa l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija sal-15 ta’ Diċembru.

Waqt iċ-ċerimonja tal-premjijiet fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-President tal-Wikimedia Community Malta Tony Micallef spjega li din is-sena l-konkors sar f’iżjed minn 50 pajjiż madwar id-dinja u li s-sena l-oħra l-konkors ra ‘l fuq minn 250,000 sottomissjoni minn 49 pajjiż. Mill-bidu tal-konkors fl-2010, ħadu sehem ‘il fuq minn 2 miljun ritratt. Din hija r-raba’ darba li l-konkors ġien organizzat f’Malta.

Il-Maniġer tad-Diġitizzazzjoni fi ħdan Heritage Malta, Russell Muscat, qal: "Heritage Malta ilha tagħti l-appoġġ tagħha sa mit-tnedija ta’ din l-inizjattiva. L-aġenzija temmen li l-monumenti nazzjonali għandhom ikunu esposti iktar fuq is-settur diġitali f’modi ferm iktar kreattivi. Għaldaqstant Heritage Malta, permezz tas-Sezzjoni tad-Diġitizzazzjoni, se tkun qegħda taħdem biex permezz ta’ proġetti u inizjattivi varji tagħmel il-mużewijiet u s-siti tagħha iktar aċċessibbli. Din il-ħidma ma tirrikjediex biss investiment f’apparat iżda wkoll f’ristrutturar ta’ proċeduri kurrenti u operat tal-impjegati, mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta fl-użu tat-teknoloġiji diġitali".

Ritratti rebbieħa mill-edizzjoni tal-2018 jinkludu ritratt tal-Moskea Sheikh Lotfollah ġewwa l-Iran, kif ukoll it-tempju ta’ Al-Khazneh fil-Petra, Ġordan. Fost ir-rebbieħa lokali kien hemm il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, kif ukoll il-kappella ta’ Sant’Antnin ta’ Padua fil-Forti Manoel. Sabiex tkun taf iżjed dwar kif tipparteċipa żur is-sit www.wikimalta.org/WLM2019.

Wiki Loves Monuments Malta hija organizzata minn Wikimedia Community Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u Heritage Malta. Informazzjoni dettaljata dwar dawn l-attivitajiet tinstab fuq www.wikimalta.org/WLM2019 kif ukoll il-paġna ta’ Facebook ta’ WCM.

WCM hija organizzazzjoni volontarja ta’ nies attivi fil-Wikipedija li jaħdmu sabiex ikun hemm iżjed użu tal-pjattaformi tal-Wikipedija fil-komunitajiet Maltin. Biex tkun taf iżjed dwar WCM u l-attivitajiet tal-għaqda żur is-sit www.wikimalta.org.