Wiki Loves Monuments 2019 in Malta launch - Maltese

From Wikimedia Community Malta
Jump to: navigation, search

It-tieni edizzjoni tal-ikbar konkors fotografiku fid-dinja jiġi mniedi f’Malta

6 ta’ Settembru 2017

Wiki Loves Monuments, l-ikbar konkors fotografiku fid-dinja skond il-Guinness World Records, ser jerġa’ jsir f’Malta għar-raba’ darba matul ix-xahar ta’ Settembru. Dan il-konkors ilaqqa’ flimkien dilettanti tal-fotografija minn madwar id-dinja sabiex jieħdu ritratti mill-isbaħ tal-wirt kulturali dinji biex jitqiegħdu fuq il-Wikipedija.

Il-konkors se jsir mill-1 ta’ Settembru sat-30 ta’ Settembru. Kulħadd huwa mħeġġeġ biex jipparteċipa, u l-parteċipazzjoni hija mingħajr ħlas. Ir-rebbieħa tal-konkors jitħabbru matul ix-xahar ta’ Novembru 2019. Matul Settembru se ssir photowalk f’sit mmexxi mill-Heritage Malta fejn parteċipanti jkunu jistgħu jżuru s-sit b’xejn u jieħdu ritratti biex ikunu sottomessi għall-konkors.

Ġurija magħmula minn esperti fil-wirt kulturali, il-fotografija, u fil-Wikipedija se jkunu qed jagħżlu numru ta’ ritratti rebbieħa. 10 ritratti se jiġu nnominati għall-konkors internazzjonali tal-Wiki Loves Monuments, fejn ikollhom l-opportunitá jikkompetu ma’ ritratti oħra minn madwar id-dinja u jirbħu aktar premjijiet. It-ritratti f’dan il-konkors se jkunu wkoll qed jiġu esebiti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belta Valletta matul ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru. Ir-ritratti se jintwerew ukoll fi Spazju Kreattiv.

Waqt il-ftuħ tal-konkors fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-President tal-Wikimedia Community Malta Tony Micallef spjega li din is-sena l-konkors qed ikun organizzat f’iżjed minn 50 pajjiż madwar id-dinja u li s-sena l-oħra l-konkors ra ‘l fuq minn 250,000 sottomissjoni minn 49 pajjiż. Mill-bidu tal-konkors fl-2010, ħadu sehem ‘il fuq minn 2 miljun ritratt. Din hija r-raba’ darba li l-konkors qed ikun organizzat f’Malta.

Il-Maniġer tad-Diġitizzazzjoni fi ħdan Heritage Malta, Russell Muscat, qal: "Heritage Malta ilha tagħti l-appoġġ tagħha sa mit-tnedija ta’ din l-inizjattiva. L-aġenzija temmen li l-monumenti nazzjonali għandhom ikunu esposti iktar fuq is-settur diġitali f’modi ferm iktar kreattivi. Għaldaqstant Heritage Malta, permezz tas-Sezzjoni tad-Diġitizzazzjoni, se tkun qegħda taħdem biex permezz ta’ proġetti u inizjattivi varji tagħmel il-mużewijiet u s-siti tagħha iktar aċċessibbli. Din il-ħidma ma tirrikjediex biss investiment f’apparat iżda wkoll f’ristrutturar ta’ proċeduri kurrenti u operat tal-impjegati, mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta fl-użu tat-teknoloġiji diġitali."

Ritratti rebbieħa mill-edizzjoni tal-2018 jinkludu ritratt tal-Moskea Sheikh Lotfollah ġewwa l-Iran, kif ukoll it-tempju ta’ Al-Khazneh fil-Petra, Ġordan. Fost ir-rebbieħa lokali kien hemm il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, kif ukoll il-kappella ta’ Sant’Antnin ta’ Padua fil-Forti Manoel.

Sabiex tkun taf iżjed dwar kif tipparteċipa żur is-sit www.wikimalta.org/WLM2019.

Wiki Loves Monuments Malta hija organizzata minn Wikimedia Community Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u Heritage Malta. Informazzjoni dettaljata dwar dawn l-attivitajiet tinstab fuq www.wikimalta.org/WLM2019 kif ukoll il-paġna ta’ Facebook ta’ WCM.

WCM hija organizzazzjoni volontarja ta’ nies attivi fil-Wikipedija li jaħdmu sabiex ikun hemm iżjed użu tal-pjattaformi tal-Wikipedija fil-komunitajiet Maltin. Biex tkun taf iżjed dwar WCM u l-attivitajiet tal-għaqda żur is-sit www.wikimalta.org.