Wiki Loves Monuments 2017 in Malta launch - Maltese

From Wikimedia Community Malta
Revision as of 04:28, 10 December 2019 by Nevborg (talk | contribs) (Created page)
(diff) ← Older revision | Latest revision (diff) | Newer revision → (diff)
Jump to navigation Jump to search

It-tieni edizzjoni tal l-ikbar konkors fotografiku fid-dinja terġa ssir f’Malta

1 ta’ Settembru 2017

Wiki Loves Monuments, l-ikbar konkors fotografiku fid-dinja skond il-Guinness World Records, ser jerġa jsir f’Malta għat-tieni darba matul ix-xahar ta’ Settemrbu. Dan il-konkors iġib flimkien dilettanti tal-fotografija minn madwar id-dinja sabiex jieħdu ritratti mill-isbaħ tal-wirt kulturali dinji biex jitqiegħdu fuq il-Wikipedija. Il-konkors ser jsir mill-1 ta’ Settembru sat-30 ta’ Settembru. Kulħadd huwa imħeġġeġ biex jipparteċipa.

Ġurija magħmula minn esperti fil-wirt kulturali, il-fotografija, u fil-Wikipedija se jkunu qed jagħżlu numru ta’ ritratti rebbieħa li se jkunu qed jingħataw premjijiet sa €400 ġentilment offruti mill-Photocity tal-Belt Valletta.

It-ritratti f’dan il-konkors se jkunu wkoll qed jiġu eżibiti ġewwa Spazju Kreattiv (fil-Kavallier ta’ San Ġakbu) matul ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru. 10 ritratti ser jiġu nnominati għall-konkors internazzjonali tal-Wiki Loves Monuments, fejn ikollhom l-opportunita’ jikkompetu ma ritratti oħra minn madwar id-dinja u jirbħu aktar premjijiet.

Mill-bidu tal-konkors fl-2010, ħadu sehem ftit inqas minn 2 miljun ritratt. Ritratti rebbieħa mill-edizzjoni tal-2016 jinkludu ritratt tal-qorti reġjonali ta’ Berlin, is-sala prinċipali tar-Royal Albert Hall ġewwa Londra, u t-tempju ta’ Wat Arun ġewwa Bangkok. Fost ir-rebbieħa lokali kien hemm it-Torri ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn, kif ukoll il-Knisja Parrokjali ta’ Santa Katerina ġewwa ż-Żurrieq.

Din is-sena l-konkors qed ikun organizzat f’iżjed minn 50 pajjiż madwar id-dinja. Din hija t-tieni darba li l-konkors qed ikun organizzat f’Malta. Il-parteċipanti fil-konkors jistgħu jikkompetu biss b’ritratti li jkunu ħadu huma stess. Ir-ritratti iridu jittellgħu b’liċenzja ħielsa. Ir-rebbieħa tal-konkors ser jitħabbru matul Novembru 2017. Parteċipazzjoni f’dan il-konkors huwa bla ħlas u miftuħ għal kulħadd.

Sabiex tkun taf iżjed dwar kif tipparteċipa żur is-sit www.wikimalta.org/WLM2017.

Wiki Loves Monuments Malta hija organizzata minn Wikimedia Community Malta, b’kollaborazzjoni ma Spazju Kreattiv u Heritage Malta, u b’ħajr lil-Photocity. Numru ta’ attivitajiet, fosthom żjariet bi gwida bla ħlas f’siti ta’ Heritage Malta kif ukoll workshops ser inkunu qed isiru matul ix-xahar ta’ Settembru fi ħdan dan il-konkors. Informazzjoni ddettaljata dwar dawn l-attivitajiet tinstab fuq www.wikimalta.org/WLM2017 kif ukoll il-paġna tal-Facebook ta’ WCM.

WCM hija organizzazzjoni volontarja ta’ nies attivi fil-Wikipedija li jaħdmu sabiex ikun hemm iżjed użu tal-pjattaformi tal-Wikipedija fil-komunitajiet Maltin. Biex tkun taf iżjed dwar WCM u l-attivitajiet tal-għaqda żur is-sit www.wikimalta.org.