Wiki Loves Monuments 2020 in Malta winners announced - Maltese
* See also: English-language version of this media release
Jitħabbru r-rebbieħa lokali tal-akbar kompetizzjoni fotografika fid-dinja
30 ta' Novembru 2020
Ir-rebbieħa tal-ħames edizzjoni tal-Wiki Loves Monuments in Malta ġew imħabbra mill-Wikimedia Community Malta. Wiki Loves Monuments, id-detentur tal-Guiness World Records għall-akbar kompetizzjoni tal-fotografija, saret għall-ħames darba f’Malta din is-sena. Il-kompetizzjoni tiġbor flimkien fotografi minn madwar id-dinja biex jieħdu ritratti tal-wirt kulturali mibni biex jitużaw fuq il-Wikipedija.
Permezz ta’ din il-kompetizzjoni annwali, il-pubbliku huwa mistieden jibgħat ritratti tal-wirt kulturali mibni ta’ Malta matul ix-xahar ta’ Settembru. Total ta’ 1,104 ritratt ta’ monumenti f’Malta ttellgħu minn 79 parteċipant.
L-10 ritratti rebbieħa lokali se jiġu sottomessi għall-konkors internazzjonali tal-Wiki Loves Monuments, fejn se jikkompetu ma' ritratti rebbieħa mill-50 pajjiż l-ieħor li qed jieħdu sehem madwar id-dinja. Minħabba restrizzjonijiet ta' Covid-19, ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni internazzjonali għal din l-edizzjoni se jitħabbru aktar tard mis-soltu. Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni internazzjonali tal-Wiki Loves Monuments jitħabbru sal-aħħar ta’ Jannar 2021.
Ritratt spettakolari tat-Torri tad-Dwejra kif jidher bil-lejl taħt l-istilel minn Keith Galea ġie magħżul bħala r-ritratt rebbieħ tal-kompetizzjoni Maltija. Ritratti oħra fl-ewwel 10 jinkludu Bieb il-Bombi, It-Torri ta' Triq il-Wiesgħa fi tlugħ ix-xemx, Torri Belvedere f’Ħal Lija, il-Knisja taż-Żejtun taħt qamar aħmar, u l-koppla tal-Knisja tal-Karmenu fil-Belt Valletta fil-logħob tan-nar spettakolari fuq il-bjut tal-Belt Valletta, fost l-oħrajn. Ir-ritratti rebbieħa ntgħażlu minn ġurija komposta minn esperti lokali u internazzjonali fil-qasam tal-wirt kulturali, il-fotografija u l-Wikipedija. Il-bord tal-ġurija kien ippresedut minn Dr Toni Sant u kien magħmul minn Angie Balzan, Sarah Borg, Davide Denti, Mario Mintoff, Andrea Stegani, u Enriquè Tabone.
Dawn ir-ritratti, flimkien ma’ sottomissjonijiet oħra minn Malta u madwar id-dinja se jkunu esebiti online mill-Wikimedia Community Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Ara www.kreattivita.org għad-dettalji. Ir-ritratti rebbieħa jistgħu jidhru wkoll fuq www.wikimalta.org jew fuq il- / wikimalta Facebook page u Instagram feed @wikimalta.
"Biex tkattar il-ħidma li saret diġà ma' Spazju Kreattiv u Heritage Malta, il-Valletta Design Cluster fi ħdan l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta qed jagħti l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva din is-sena. Żvilupp sinifikanti din is-sena huwa li qed nagħmlu dan bħala parti minn programm ta' Wikipedian-in-Residence ma' Wikimedia Community Malta, mibdi f’Settembru li għadda. Il-Cluster jemmen li l-monumenti nazzjonali tagħna għandhom ikunu esposti għal udjenzi usa' permezz tal-midja diġitali b’kull tip ta’ mod kreattiv," qal Caldon Mercieca, il-Maniġer tal-Valletta Design Culture fi ħdan l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.
Il-President tal-Wikimedia Community Malta Tony Micallef spjega li l-kompetizzjoni ta’ din is-sena saret f’aktar minn 51 pajjiż madwar id-dinja, inkluż Malta. Ir-restrizzjonijiet tas-saħħa imposti mill-pandemija biddlu l-iskeda tal-kompetizzjoni ftit biss f'Malta. Minn meta bdiet il-kompetizzjoni fl-2010, ġew sottomessi 'l fuq minn 2 miljun ritratt, bil-kompetizzjoni tas-sena l-oħra tiġbed 'il fuq minn 210,000 sottomissjoni minn madwar 49 pajjiż. Iċ-ċerimonja tal-premjijiet tal-Wiki Loves Monuments 2020 ta’ Malta ġiet skedata għall-aħħar ta’ Marzu 2021, bit-tama li r-restrizzjonijiet tal-pandemija jkunu ġew imnaqqsa xi ftit sa dakinhar.
Il-premjijiet mogħtija għal Wiki Loves Monuments 2020 f’Malta jinkludu, € 400 f’prodotti u/jew servizzi fotografiċi minn PhotoCity ta’ South Street, il-Belt, €300 f’kotba minn Kite Group u Merlin Publishers, €200 f’kreditu għaċ-Ċinema ta' Spazju Kreattiv, u basktijiet tal-Wiki Loves Monuments magħmula apposta mit-Tink Shop li jiswew €50 kull wieħed. Il-premjijiet kollha huma parzjalment iffinanzjati mill-Fondazzjoni Wikimedia, li tagħha l-Wikimedia Community Malta hija uffiċjaljalment għaqda affiljata.
Wiki Loves Monuments huwa organizzat f'Malta mill-Wikimedia Community Malta (WCM) b’kollaborazzjoni mal-Valletta Design Cluster u Spazju Kreattiv. WCM huwa grupp ta’ Wikimedjani attivi li ngħaqdu flimkien biex jinkoraġġixxu u jappoġġjaw u jkattru attivitajiet relatata mal-Wikipedia fost individwi u komunitajiet Maltin. Dettalji dwar attivitajiet ta' WCM huma disponibbli fuq www.wikimalta.org.
- Ara video slideshow bir-ritratti rebbieħa: File:WLM2020 Malta Top 10.webm