Wiki Loves Monuments 2022 in Malta launch - Maltese
* See English version of this press release
Is-Seba' Edizzjoni ta' Wiki Loves Monument in Malta
18 t'Awwissu 2022
Malta se tieħu sehem bis-seba' edizzjoni f'Wiki Loves Monuments, iddikjarata mill-Guinness World Record bħala l-ikbar kompetizzjoni tal-fotografija fid-dinja. Il-kompetizzjoni iġġib flimkien nies minn madwar id-dinja biex jieħdu ritratti ta' wirt kulturali monumentali biex jinqasmu fuq il-Wikipedija.
Din il-kompetizzjoni tiftaħ fl-1 ta' Settembru. Il-parteċipazzjoni hija bla ħlas u miftuħa għal kulħadd. L-iskadenza għas-sottomissjonijiet kollha hija fit-30 ta 'Settembru imma s-sottomissjonijiet jistgħu jsiru matul ix-xahar kollu ta' Settembru. Ir-ritratti sottomessi jridu jkunu tal-parteċipanti individwali u jridu jkunu lesti jpoġġuhom taħt liċenzja miftuħa fil-Creative Commons.
Lejn nofs Settembru 2022, se jsiru workshops online dwar kif jittellgħu r-ritratti. Id-dettalji se jsegwu fuq www.wikimalta.org u permezz ta’ Facebook u Instagram eqreb għad-data.
Ġurija komposta minn esperti fl-oqsma tal-wirt kulturali, fotografija u Wikipedia se tagħżel ir-ritratti rebbieħa. Kif isir kull sena, għaxar sottomissjonijiet rebbieħa se jkunu nominati għall-konkors internazzjonali tal-Wiki Loves Monuments, bl-opportunità li jirbħu aktar premjijiet.
Premjijiet
Il-Premjijiet għall-edizzjoni 2022 tal-Wiki Loves Monuments f’Malta huma parzjalment iffinanzjati permezz ta’ għotja mill-Wikimedia Foundation:
- L-1 premju: €400 f’apparat fotografiku u/jew servizzi mill-PhotoCity ta’ South Street, il-Belt Valletta.
- It-2 premju: €300 f’kotba mingħand Kite Group, Midsea Books u Merlin Publishers
- It-3 premju: €200 f'kreditu mal-boxoffice taċ-ċinema ta' Spazju Kreattiv matul il-programm tagħhom ta' 22/23.
Mir-4 sal-10 post: Goody bag b’valur ta’ €50 kull wieħed magħmula apposta għall-Wiki Loves Monuments.
Ir-rebbieħa jitħabbru f’Novembru 2022. Ir-ritratti kollha sottomessi se jkunu esibiti wkoll b’mod permanenti online u fi Spazju Kreattiv.
Kummenti
Meta tkellem waqt it-tnedija tal-kompetizzjoni fuq l-internet, ll-koordinatur tal-ġurija ta’ Wiki Loves Monuments, Dr Toni Sant, spjega li l-kompetizzjoni ta’ din is-sena se sseħħ f’madwar 50 pajjiż madwar id-dinja, wara sentejn strambi minħabba ċirkustanzi globali tal-pandemija Covid-19. Minn meta bdiet il-kompetizzjoni fl-2010, ġew sottomessi aktar qrib 3 miljun ritratt, bil-kompetizzjoni tas-sena l-oħra tiġbor madwar 172,000 sottomissjoni minn 37 pajjiż. Din hija l-seba' darba li l-konkors se jkun qed iseħħ f'Malta ukoll.
Id-Direttur Artistiku ta' Spazju Kreattiv Daniel Azzopardi qal li "Spazju Kreattiv qed ikompli bl-impenn tiegħu li jappoġġa lil Wikimedia Community Malta fl-isforzi tagħhom biex iwasslu aspetti varji tal-wirt kulturali permezz tal-pjattaformi diġitali. Peress li aħna mmexxu ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kreattività, aħna nemmnu li tali impriżi fi ħdan id-dominju kreattiv hija importanti biex tippromwovu skambji ġodda fi gruppi komunitarji differenti."
Ma dan, Mario Mintoff minn PhotoCity Valletta żied jgħid li "Il-PhotoCity ilna nappoġġaw din l-inizjattiva sa mill-bidu tagħha. Aħna nemmnu li l-monumenti għandhom ikunu esposti aktar permezz tal-fotografija u l-midja diġitali."
Aktar tagħrif
- PHOTOS AVAILABLE: Wiki Loves Monuments 2021 Winners
L-aqwa ritratti fil-kompetizzjoni lokali tas-sena l-oħra kienu jinkludu ritratti tal-katakombi tas-Salina, il-Kappella tal-Eremita. it-Torri tal-Ġnejna, is-soqfa tal-katidral ta' San Ġorg f'Għawdex u tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann fil-Belt, fost oħrajn. Ritratt ta' Bieb il-Bombi, li ġie fit-tielet post fil-konkors f’Malta issemma b'unur (honorable mention) peress li kiseb l-15-l post fil-kompetizzjoni internazzjonali, li kien fiha kien hemm total ta’ 172,379 ritratt minn 37 pajjiż.
Għal aktar tagħrif dwar kif tipparteċipa, żur www.wikimalta.org/WLM2022 jew il-paġna ta' Wikimedia Community Malta fuq Facebook.
Wiki Loves Monuments in Malta hija organizzata minn Wikimedia Community Malta (WCM) bl-appoġġ ta' Spazju Kreattiv, PhotoCity u Heritage Malta.